The EBA has relocated to new premises. On 15 December 2014, the EBA moved into its new offices in Canary Wharf, London E14 5AA. Find out more »

L-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) hija Awtorità indipendenti tal-UE li taħdem biex tiżgura livell effettiv u konsistenti ta' regolamentazzjoni u superviżjoni prudenzjali tul is-settur bankarju Ewropew. L-objettivi ġenerali tagħha huma li żżomm l-istabbiltà finanzjarja fl-UE u li tiżgura l-integrità, l-effiċjenza u l-funzjonament ordnat tas-settur bankarju. 

L-EBA hija parti mis-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (ESFA) magħmula minn tliet awtoritajiet superviżorji: l-Awtoritajiet Ewropej tat-titoli u s-Swieq (ESMA), l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA). Is-sistema tinkludi wkoll il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ESRB) kif ukoll il-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali.

L-EBA hija indipendenti, imma twieġeb għall-Parlament Ewropew, għall-Kunsill Ewropew tal-Unjoni Ewropea u għall-Kummissjoni Ewropea.

Missjonijiet u Kompiti

Filwaqt li l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali (u fil-futur qrib il-Bank Ċentrali Ewropew għal dawk il-pajjiżi li qed jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, pilastru ewlieni tal-hekk imsejħa ‘Unjoni Bankarja') jibqgħu responsabbli mis-superviżjoni ta' istituzzjonijiet finanzjarji individwali, ir-rwol tal-EBA huwa li ttejjeb il-funzjonament tas-suq intern billi tiżgura superviżjoni u regolamentazzjoni Ewropea xierqa, effiċjenti u armonizzata.

Il-kompitu prinċipali tal-EBA huwa li tikkontribwixxi, permezz tal-adozzjoni ta' Standards Tekniċi u Linji Gwida Vinkolanti, għall-ħolqien tal-Ġabra Ewropea Unika tar-Regoli fil-qasam bankarju. Il-Ġabra Unika tar-Regoli għandha l-għan li tipprovdi sett uniku ta' regoli prudenzjali armonizzati għall-istituzzjonijiet finanzjarji madwar l-UE, biex tgħin toħloq kundizzjonijiet ugwali u tipprovdi protezzjoni għolja għad-depożitanti, l-investituri u l-konsumaturi.

L-Awtorità għandha wkoll rwol importanti fil-promozzjoni tal-konverġenza tal-prattiki superviżorji biex tiżgura l-applikazzjoni armonizzata ta' regoli prudenzjali. L-EBA għandha wkoll il-mandat li tivvaluta r-riskji u l-vulnerabbiltajiet fis-settur bankarju tal-UE permezz, b'mod partikolari, ta' rapporti regolari tal-valutazzjoni tar-riskju u Testijiet tal-Istress pan-Ewropej. 

Kompiti oħra stabbiliti fil-mandat tal-EBA jinkludu l-investigazzjoni tal-applikazzjoni inadegwata tal-liġi tal-UE mill-awtoritajiet nazzjonali, it-teħid ta' deċiżjonijiet f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, il-medjazzjoni ta' nuqqas ta' qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti f'sitwazzjonijiet transkonfinali, u taġixxi bħala korp konsultattiv indipendenti għall-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni.

Organizzazzjoni

L-EBA hija rappreżentata esternament mill-President tagħha li r-rwol tiegħu huwa wkoll li jħejji l-ħidma u jmexxi diskussjonijiet fil-laqgħat tal-Bord tas-Superviżuri. Direttur Eżekuttiv iħejji l-laqgħat tal-Bord Maniġerjali u jiżgura l-ħidma operattiva ta' kuljum tal-Awtorità.

Iż-żewġ korpi regolatorji tal-EBA huma:

  • Il-Bord tas-Superviżuri li huwa l-korp ewlieni għat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Awtorità. Jieħu d-deċiżjonijiet ta' politika kollha tal-EBA, bħall-adozzjoni tal-abbozz ta' Standards Tekniċi, il-Linji Gwida, l-Opinjonijiet u r-Rapporti.
  • Il-Bord Maniġerjali li r-rwol tiegħu huwa li jiżgura li l-Awtorità taqdi l-missjoni tagħha u twettaq il-kompiti assenjati lilha. F'dan ir-rigward, hija fdata bis-setgħa li tipproponi, fost affarijiet oħra, il-programm ta' ħidma annwali, il-baġit annwali, il-pjan ta' politika dwar il-persunal u r-rapport annwali.

L-EBA taħdem mill-qrib mal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ESAs) l-oħra fil-qafas tal-Kumitat Konġunt dwar kwistjonijiet ta' rilevanza transsettorjali. Fl-aħħar nett, sabiex b'mod effettiv tipproteġi d-drittijiet ta' partijiet affettwati minn deċiżjonijiet addottati mill-EBA, ġie stabbilit Bord tal-Appell.

Il-Proċess ta' ħidma

Bħala parti mill-mod kif jiġi żgurat li l-EBA twettaq il-kompiti u l-mandati tagħha b'mod effettiv u trasparenti, ir-riżultati kollha abbozzati mill-Awtorità jiġu diskussi fi gruppi ta' ħidma tekniċi u f'kumitati permanenti fejn l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jipprovdu kontribut. L-EBA tikkoopera wkoll regolarment ma' korpi u istituzzjonijiet oħra fl-eżekuzzjoni tal-Mandat tagħha.

Konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa jsiru, fejn xieraq, dwar prodotti regolatorji (Standards Tekniċi, Linji Gwida, eċċ.) biex jiġi żgurat li l-partijiet interessati kollha jistgħu jipprovdu kontribut dwar standards bankarji futuri u Linji Gwida.

L-Awtorità tfittex ukoll kummenti u pariri mill-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati, korp stabbilit mir-Regolament EBA biex jiffaċilita konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati. Fl-aħħar nett, fejn xieraq, l-EBA twettaq analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji fuq il-proposti kollha. Prodotti finali jiġu adottati, wara vot, mill-Bord tas-Superviżuri.

Links relatati

Sommarju tar-Rapport Annwali tal-2011

Regolament bażiku tal-EBA

Il-Linji Gwida u r-Rakkomandazzjonijiet tal-EBA jiġu tradotti fil-lingwi kollha u jistgħu jinstabu taħt is-sezzjoni "Regolament u Politika"

Jekk għandek problemi ma' istituzzjoni finanzjarja u tixtieq issib l-għajnuna u informazzjoni, jekk jogħġbok żur ir-rokna tal-konsumatur (bl-Ingliż biss)